dqse.gov.mt

Evalwazzjonijiet Esterni

Hemm diversi objettivi wara l-evalwazzjonijiet esterni mwettqa mit-Taqsima tal-Evalwazzjoni Esterna (ERS) u t-Taqsima Regolatorja u tal-Konformità (RCS). Waħda mill-aktar karatteristiċi importanti li ġab miegħu r-rwol tal-evalwatur estern hija l-preżenza konsistenti fl-iskejjel permezz tal-mudelli differenti ta’ evalwazzjoni esterna. L-użu ta’ varjetà ta’ mudelli ta’ evalwazzjoni jagħti opportunità siewja biex tiġi żviluppata rabta mal-iskejjel fejn il-politiki u l-istrateġiji nazzjonali jistgħu jiġu diskussi fost il-professjonisti. Evidenza ċara, tista’ tinġabar permezz ta’ dawn l-evalwazzjonijiet esterni li jistgħu jixprunaw aktar żvilupp kemm fil-livell ta’ skola kif ukoll f’dak nazzjonali.

Evalwazzjonijiet Esterni mwettqa mill-ERS

L-evalwazzjoni li toħroġ mill-mudelli differenti ta’ evalwazzjonijiet esterni għandha l-għan li tipprovdi lill-Kap, lill-komunità tal-iskola u lill-awtoritajiet relevanti b’ħarsa ħolistika, kif ukoll feedback formattiv dwar il-prattiki tal-iskola fir-rigward ta’ xi wħud mill-istandards tad-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DKSE) jew tal-istandards kollha kemm huma. Għandha wkoll l-għan li tiggwida l-iskola fit-tfittxija tagħha għall-eċċellenza.

Mudell ta’ Evalwazzjoni Esterna tal-Iskola Kollha

L-għan tal-evalwazzjoni  esterna tal-Iskola Kollha huwa li tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal- edukazzjoni provduta fl-iskola billi tikkunsidra bir-reqqa l-Istandards tad-DKSE kollha u tagħti feedback dwar it-tliet oqsma, jiġifieri t-Tmexxija tal-Iskola, it-Tagħlim u l-Etos. Din l-Evalwazzjoni Esterna li tkun imħabbra titwettaq minn tim ta’ Uffiċjali Edukattivi fi ħdan l-ERS.  Wieħed minn dawn l-uffiċjali jkun dak li jmexxi l-Evalwazzjoni Esterna. L-Evalwazzjoni Esterna tal-Iskola Kollha tvarja bejn 3 sa 5 ijiem skont id-daqs tal-iskola.

Wara l-Evalwazzjoni Esterna tal-Iskola Kollha, l-ERS toħroġ rapport lill-Kap tal-Iskola u lill-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ (jew l-ekwivalenti fil-każ tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti).  Dan ir-rapport għandu l-għan li jindika l-aspetti pożittivi tal-iskola kif ukoll l-aspetti li għandhom bżonn jitjiebu. Il-Kap tal-Iskola mbagħad jagħti r-rapport, jew verżjoni komprensiva tiegħu, lill-edukaturi u l-ġenituri.

Wara l-evalwazzjoni esterna, issir laqgħa fl-iskola fejn il-Kap tal-Iskola jispjega lir-rappreżentanti tal-ERS kif l-iskola bdiet/beħsiebha tindirizza r-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport.

Dokumentazzjoni
Follow Up tal-Evalwazzjoni Esterna 

L-għan tal-Follow Up tal-Evalwazzjoni Esterna huwa li tevalwa l-progress tal-iskola fir-rigward tal-aspetti li kellhom bżonn jitjiebu, li kienu identifikati fl-evalwazzjoni esterna preċedenti. Din l-evalwazzjoni esterna ma tkunx imħabbra.  Isservi wkoll biex tivvalida dak li kien evalwat fl-evalwazzjoni esterna preċedenti, billi tikkonferma jew le, li dak li kien ġie osservat kien tabilħaqq jirrifletti r-realtà tal-iskola. Il-Follow Up tal-evalwazzjoni esterna ssir mill-assistent direttur u tim ta’ Uffiċjali Edukattivi fi ħdan l-ERS.

Fi tmiem il-Follow Up tal-Evalwazzjoni Esterna, l-ERS toħroġ rapport qasir lill-Kap tal-Iskola u lill-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ (jew ekwivalenti fil-każ tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti) li jindika l-progress jew le, dwar l-aspetti identifikati li għandhom bżonn jitjiebu. It-tixrid ta’ dan ir-rapport mal-bqija tal-komunità tal-iskola huwa fid-diskrezzjoni tal-Kap tal-Iskola.

Dokumentazzjoni
Evalwazzjoni esterna ta’ Ġurnata 

L-għan wara l-Evalwazzjoni Esterna ta’ Ġurnata huwa li jiġu evalwati l-mekkaniżmi interni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskola u kemm dawn jippromwovu titjib fit-tagħlim għall-benefiċċju tal-istudenti kollha. Dan il-mudell ta’ evalwazzjoni esterna, mhux imħabbar, jiffoka fuq standards speċifiċi tad-DKSE, jiġifieri l-evalwazzjoni interna u l-ippjanar tal-iżvilupp tal-iskola, it-tagħlim, u l-assessjar formattiv li huwa integrat fil-proċess tat-tagħlim.

L-Evalwazzjoni Esterna ta’ Ġurnata titwettaq minn tim ta’ Uffiċjali Edukattivi fi ħdan l-ERS.  Wieħed minnhom imexxi l-evalwazzjoni.

Wara l-Evalwazzjoni Esterna ta’ Ġurnata, l-ERS toħroġ rapport ta’ dak li jkun ħareġ waqt l-evalwazzjoni u tgħaddih lill-Kap tal-Iskola bil-għan li jirċievi feedback dwar il-prattiki tal-iskola, b’mod formattiv u li għandu jgħin fl-iżvilupp tal-iskola. Il-Kap tal-Iskola jiddeċiedi jekk jaqsamx dak li jkun ħareġ waqt l-Evalwazzjoni Esterna ta’ Ġurnata, mal-bqija tal-komunità tal-iskola.

Wara l-Evalwazzjoni Esterna, issir laqgħa fl-iskola fejn il-Kap tal-Iskola jispjega lir-rappreżentanti tal-ERS kif l-iskola bdiet/beħsiebha tindirizza r-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport.

Dokumentazzjoni
 
Evalwazzjoni Esterna Tematika

L-għan ewlieni tal-Evalwazzjoni Esterna Tematika huwa li jippreżenta lil dawk li jfasslu l-politika bi stampa ħolistika tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel kollha fir-rigward ta’ oqsma ta’ importanza nazzjonali.  Evalwazzjonijiet Esterni Tematiċi jinfurmaw lil dawk li jfasslu l-politika dwar il-progress, jew mod ieħor, fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali, jindikaw xejriet ġenerali kif ukoll modi possibbli għal skopijiet ta’ titjib. L-Evalwazzjoni Esterna Tematika titwettaq minn tim magħmul minn Uffiċjali Edukattivi fi ħdan l-ERS. Wieħed minnhom imexxi din l-evalwazzjoni u jkun hemm ukoll espert/i fil-qasam li jkun qed jiġi evalwat.

Evalwazzjoni Esterna Iffukata

L-għan tal-Evalwazzjoni Esterna Iffukata huwa li tevalwa l-iskola fuq wieħed jew ftit mill-istandards tad-DKSE. L-evalwazzjoni li toħroġ minn dan il-mudell għandha l-għan li tipprovdi lill-Kap, lill-komunità tal-iskola u lill-awtoritajiet relevanti stampa ċara u realistika tal-progress jew il-prestazzjoni tal-iskola fil-qasam identifikat.  Id-Direttur tad-DKSE tiddetermina t-tul ta’ żmien ta’ dan il-mudell ta’ evalwazzjoni esterna każ b’każ.  L-evalwazzjoni ssir minn tim ta’ Uffiċjali Edukattivi fi ħdan l-ERS.  Wieħed minnhom imexxi din l-evalwazzjoni flimkien mal-esperti fil-qasam, jekk ikun hemm bżonn.

Wara l-Evalwazzjoni Esterna Iffokata, l-ERS toħroġ rapport lill-Kap tal-Iskola u lill-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ (jew ekwivalenti fil-każ tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti). Dan ir-rapport għandu l-għan li jafferma l-isforzi tal-iskola biex iġġib il-bidliet pożittivi meħtieġa fil-qasam jew oqsma identifikat/i u fejn meħtieġ u jgħin lill-komunità tal-iskola tirrifletti fuq il-prattiki tagħha.  Wara, il-Kap tal-iskola tiżviluppa pjan ta’ azzjoni li jwassal għal titjib fl-iskola. Il-Kap tal-Iskola jaqsam ir-rapport mal-edukaturi jew verżjoni komprensiva tiegħu, mal-ġenituri. 

Wara l-Evalwazzjoni Esterna, issir laqgħa fl-iskola fejn il-Kap tal-Iskola jispjega lir-rappreżentanti tal-ERS kif l-iskola bdiet/beħsiebha tindirizza r-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport.

 Dokumentazzjoni
Skattaturi għal Evalwazzjoni Esterna

It-tabella li ġejja tindika l-iskattaturi possibbli li jistgħu jwasslu għall-mudelli differenti ta’ evalwazzjoni esterna mill-ERS. Id-direttur DKSE tista’ ssejjaħ kwalunkwe mudell ta’ evalwazzjoni esterna minħabba xi ħtieġa oħra.

Evalwazzjoni Esterna mwettqa mill-RCS – Kontroll tal-Konformità

Permezz ta’ dan il-mudell ta’ evalwazzjoni esterna, l-RCS tevalwa l-istruttura tal-istituzzjonijiet edukattivi, jiġifieri, l-aspetti regolatorji u ta’ konformità tagħhom. L-evalwazzjoni tiffoka fuq il-liċenzjar, ir-reġistri tal-iskejjel, il-popolazzjoni tal-klassijiet, l-approvazzjonijiet, it-timesheets, ir-Ritorni Statistiċi tal-Iskejjel (SSR), il-Ħin tat-Tagħlim u l-Assessjar u l-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà u l-Protezzjoni tal-Minuri (POMA).  Din l-evalwazzjoni esterna tinkludi kemm evalwazzjoni bbażata fl-uffiċċju kif ukoll żjara imħabbra fl-iskola. Din l-evalwazzjoni ssir minn tim ta’ uffiċjali tad-DKSE.  Wieħed minn dawn l-uffiċjali jmexxi din l-evalwazzjoni.

Wara din iż-żjara, l-uffiċjal li mexxa l-evalwazzjoni joħroġ rapport lill-Kap tal-Iskola u l-Kap tan-Netwerk tal-Kulleġġ (jew ekwivalenti fil-każ tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti), li jindika konformità, jew mod ieħor mal-leġiżlazzjoni, kif ukoll jipprovdi gwida, fejn meħtieġ, biex l-iskola ssir konformi.

Aktar dettalji dwar l-Evalwazzjonijiet Esterni u l-Kontrolli tal-Konformità mwettqa mid-DKSE jinsabu fil-Manwal tal-ER u l-Konformitàpl