X’inhu l-irwol tat-Taqsima tal-Evalwazzjoni Esterna (ERS)?
L-ERS hija l-fergħa fi ħdan id-DKSE li twettaq evalwazzjoni esterna tal-istituzzjonijiet edukattivi. Hija tiżgura standards għoljin f’dawn l-istituzzjonijiet billi tevalwa u tagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-kwalità tal-
proċess. Il-kwalità tal-proċess jirreferi għall-prattiki u l-proċessi tal-iskejjel relatati ma’ tliet oqsma ewlenin, primarjament it-tmexxija tal-iskola, it-tagħlim, u l-etos.
X’inhuma l-objettivi tal-missjoni tal-ERS?
L-objettivi tal-missjoni tal-ERS huma li:
a. tiżgura li l-istudenti kollha jirċievu intitolament ġust għal edukazzjoni u kura ta’ kwalità,
b. tistabbilixxi u tirrevedi l-Istandards Nazzjonali tal-Kwalità fl-edukazzjoni,
c. tissorvelja u tevalwa l-prattiki u l-progress tal-istituzzjonijiet edukattivi fir-rigward tal-Istandards Nazzjonali tal-Kwalità u tiżgura l-kontabilità,
d. tipprovdi lill-istituzzjonijiet edukattivi b’feedback ċar dwar l-effettività tal-edukazzjoni li qed jipprovdu u tagħti rakkomandazzjonijiet għal skopijiet ta’ titjib,
e. iżżomm lill-imsieħba ewlenin infurmati dwar il-prestazzjoni u l-progress fl-edukazzjoni li qed jipprovdu l-istituzzjonijiet edukattivi,
f. taqsam prattiki effettivi u kontinwi ta’ proċessi interni ta’evalwazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi,
g. tikkollabora ma’ diversi imsieħba kif meħtieġ biex issostnu l-kisba tal-objettivi msemmija hawn fuq.
Min jassigura l-kwalità tal-proċess fl-iskejjel?
Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-proċess fl-iskejjel, l-ERS timpjega s-servizzi ta’ uffiċjali edukattivi li għandhom esperjenza wiesgħa fil-kuntest edukattiv. L-uffiċjali edukattivi tal-ERS okkupaw rwoli fi ħdan it-Timijiet ta’ Tmexxija tal-Iskola u għandhom esperjenza fid-disinn tal-kurrikulu, fit-tagħlim kif ukoll fir-riċerka edukattiva. Huma kontinwament itejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom f’oqsma li għandhom x’jaqsmu ma’ edukazzjoni ta’ kwalità u titjib fl-iskola. Dawn l-Uffiċjali Edukattivi jirrispondu lid-Direttur u l-Assistent Direttur fi ħdan id-DKSE u huma assistiti mill-istaff segretarjali tad-direttorat.
X’inhuma l-prinċipji ewlenin tal-ERS ?
Sett ta’ prinċipji ewlenin jiffurmaw il-bażi tal-ERS u hija impenjata lejhom fil-kontribut tagħha fl-isfera edukattiva. L-uffiċjali edukattivi tagħha jagħmlu ħilithom biex iħarsu l-ogħla standards possibbli fix-xogħol tagħhom li jirriflettu l-prinċipji ewlenin deskritti fil-Public Service Management Code u l-Kodiċi ta’ Etika u Prattika tal-Għalliema (MEDE, 2012). L-ERS tfittex b’mod attiv li żżomm il-fiduċja tal-pubbliku u tieħu r-responsabbiltà għal prattika professjonali ta’ kwalità billi:
1. Turi livell għoli ta’ kondotta professjonali:
i. tiżgura l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data fil-parametri stabbiliti bil-liġi,
ii. tibbaża relazzjonijiet professjonali fuq il-fiduċja u r-rispett reċiproku,
iii. taġixxi b’onestà, integrità u ġustizzja,
iv. tikkomunika b’mod sensittiv mal-imsieħba kollha u tirrispetta s-sentimenti, il-perċezzjonijiet u r-reazzjonijiet ta’ kulħadd,
v. tkun miftuħa u tirrispondi b’mod pożittiv għal feedback kostruttiv.
2. Tħaddan t-tagħlim professjonali kontinwu:
i. tibqa’ aġġornata mal-għarfien u l-ħiliet professjonali permezz tal-parteċipazzjoni f’opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali intern u estern,
ii. tirrifletti u taġġorna regolarment proċessi u proċeduri,
iii. iżżomm kuntatt regolari ma’ istituzzjonijiet edukattivi differenti biex jiġi sostnut l-għarfien dwar kuntesti, realtajiet u sfidi differenti,
iv. tfittex appoġġ, pariri u gwida fejn meħtieġ.
3. L-użu ta’ ħiliet professjonali effettivi:
i. tinkoraġġixxi lill-imsieħba biex ikunu lesti li jipprovdu l-perspettiva tagħhom,
ii. tiġbor u tittriangola l-evidenza, iżżomm rekords preċiżi tad-data miġbura, tanaliżża l-informazzjoni, tinterpreta riżultati, u tagħmel evalwazzjonijiet li huma affidabbli u validi,
iii. tikkollabora u tinvolvi ruħha fi djalogu professjonali mal-membri tat-tim tal- evalwazzjoni esterna u mad-diversi imsieħba,
iv. agħti feedback u tikkomunika b’mod ċar, kostruttiv u effettiv mal-imsieħba differenti, biex tiġi żgurata t-trasparenza,
v. tevalwa u tirrapporta b’mod oġġettiv.