dqse.gov.mt

Ilmenti

Il-Proċedura ta’ lmenti dwar is-Servizzi ta’ Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin)

 

1. L-GĦAN
L-għan ta’ din il-proċedura huwa li tagħti l-lok biex dawk li jipprovdu u jużaw is-servizz, u lill-imsieħba kollha jgħaddu kwalunkwe lment li jistgħu jiltaqgħu miegħu fl-għoti tas-Servizzi tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin). Dan biex jiżguraw l-aħjar interess ta’ dawk kollha kkonċernati u fuq kollox, l-aħjar interess tat-tfal. L-ilmentatur għandu inizjalment iressaq l-ilment tiegħu mal-maniġment
taċ-ċentru sabiex ifittex rimedju miegħu. Fin-nuqqas ta’ dan, l-ilmentatur, jista’ jressaq it-tħassib mad-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Zgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, komplut b’dokumentazzjoni ta’ sostenn li tkun ta’ rilevanza għall-ilment.
 
2. DEFINIZZJONI
Ilment jista’ jiġi definit bħala forma ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon b’servizz ipprovdut minn Ċentru jew mill-istaff tiegħu. Id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) jinvestiga biss ilmenti relatati man-nuqqas ta’ konformità mal-Istandards Nazzjonali għas-Servizzi tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin) maħruġ f’Ottubru 2021.
 
3. ILMENTI RIĊEVUTI

Id-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DKSE) jista’ jirċievi ilmenti permezz tal-mezzi li ġejjin:

Posta elettronika fuq customercare.dqse@gov.mt
Numri tat-telefown: (356) 2598 1424.

L-informazzjoni personali pprovduta fuq il-Formola tal-Ilmentihija protetta u użata skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (Kap.440).

Hemm limitu ta’ żmien biex isir ilment. Il-MEYR ma jinvestigax ilmenti jekk dawn ma jiġux sottomessi fi żmien sebat (7) ijiem tax-xogħol mid-data tal-okkorrenza. Kull ilmentatur li jressaq ilment wara dan il-perjodu stipulat ikollu jagħti raġunijiet validi biex jiġġustifika għala s-sottomissjoni ntbagħtet tard.

Jekk ilmentatur ikun jixtieq jibqa’ anonimu, l-anonimità tiegħu/tagħha tiġi rispettata, madankollu d-dipartiment imbagħad ma jkunx jista’ jipprovdi rispons lill-ilmentatur dwar l-azzjoni meħuda. L-ilmenti kollha jiġu ttrattati bl-aktar mod kunfidenzjali.

4. PROĊEDURA

 

​1. L-ilmenti kollha li jaslu għand id-DKSE, l-azzjoni meħuda u r-riżultat tal-investigazzjonijiet jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-Ilmenti miżmum mid-DKSE.

2. L-ilmenti jew il-formoli tal-ilmenti kollha li jaslu għand id-DKSE huma ttimbrati bid-data u rreġistrati mill-Uffiċċju Amministrattiv tad-Dipartiment. Kull meta l-ilmentatur jipprovdi d-dettalji personali tiegħu/tagħha, tintbagħat notifika fi żmien ġurnata tax-xogħol minn meta tasal.

3. Kopja tal-ilment tidħol fil-Fajl tal-Amministrazzjoni, filwaqt li l-oriġinal tiddaħħal fil-fajl taċ-Ċentru li kontrih ikun sar l-ilment.

4. Id-dettalji tal-ilment, kif ukoll id-dettalji tal-persuna li tkun qed tagħmel l-ilment jiġu rreġistrati fuq il-formola xierqa u pproċessati skont Punt 3.

5. Minn hemm ‘il quddiem il-Fajl jintbagħat lill-persuna nominata mid- DKSE għall-allokazzjoni tal-fajl/s u tinbeda l-investigazzjoni. Il-persuna nominata għandha tinforma lill-ilmentatur bid-dettalji tal-uffiċjali maħtura biex iwettqu l-investigazzjoni fi żmien tlett ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-ilment.

6. Id-DKSE tipprova ssolvi l-ilment fi żmien tmienja u għoxrin jum tax-xogħol mid-data li fiha d-DKSE jirċievi l-ilment.

7. Jekk id-DKSE ma jkunx jista’ jsolvi l-ilment fi tmienja u għoxrin jum tax-xogħol, l-ilmentatur jiġi nfurmat bir-raġunijiet għad-dewmien u tiġi ndikata data ġdida.

8. Id-DKSE jagħmel l-almu tiegħu biex jindirizza l-ilmenti kollha kemm jista’ jkun malajr.

 
5. IR-RIŻULTAT TAL-INVESTIGAZZJONIJIET
 

​1. Fi tmiem dan il-proċess, l-uffiċjali mid-DKSE iħejju rapport ta’ investigazzjoni dwar l-ilmenti. Ir-riżultat tal-investigazzjonijiet jiġi diskuss mad-Direttur/Assistent Direttur tad-DKSE. Wara, id-DKSE jikkuntattja u jinforma lill-ilmentatur dwar is-sejbiet u r-riżultati ewlenin flimkien mal-azzjoni meħuda. Id-DKSE jikkuntattja wkoll lill-LRP ikkonċernat bl-ilment, u jiddikjara n-natura tal-ilment, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet u jiddikjara wkoll l-azzjoni li ċ-ċentru huwa mistenni li jieħu, jekk applikabbli. Ir-rapport tal-investigazzjoni tal-ilment għandu jiġi mehmuż mal-formola tal-ilment u jiddaħħal fil-fajl tas-CDC.

2. Skont in-natura tal-ilment, l-uffiċjali tad-DKSE għandhom żmien speċifiku biex isegwu u jikkonfermaw li ċ-ċentru indirizza l-ilment, jekk applikabbli.