Il-proċedura għall-ftuħ ta’ ċentru ġdid tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin) (ECEC) tinvolvi żewġ proċessi separati. L-ewwel proċess jikkonsisti f’applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) filwaqt li t-tieni proċess jikkonsisti fil-Proċess ta’ Reġistrazzjoni mad-DKSE.
Matul il-proċess tal-applikazzjoni, il-PA tikkonsulta mad-DKSE fost entitajiet oħra. L-applikanti jistgħu jikkonsultaw mad-DKSE qabel ma jissottomettu pjanijiet lill-PA biex jiżguraw li l-pjanijiet proposti jkunu aċċettabbli skont l-Istandards Nazzjonali għas-Servizzi tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin) (2021), il-Kriterji ta’ Reġistrazzjoni għas-Servizzi tal-Edukazzjoni u l- Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin) (2021)u l-Interpretazzjoni tad-Dokument dwar il-Kriterji ta’ Reġistrazzjoni. Ladarba jinħareġ il-permess tal-PA, iċ-ċentru għandu jlesti x-xogħlijiet kollha skont il-permess. Il-permess tal-PA waħdu ma jagħtix permess biex iċ-ċentru jagħti servizz ta’ ECEC. Dan ikun l-ewwel rekwiżit u proċess separat mill-proċess ta’ liċenzjar.
Meta jitlestew ix-xogħlijiet kollha, il-Persuna Legalment Responsabbli (LRP) tista’ tipproċedi għall-proċess ta’ liċenzjar. Il-Formola tal-Applikazzjoni għall-Liċenzjar ta’ ċentru ġdid tista’ timtela onlajn u tiġi sottomessa flimkien mad-Dokumentazzjoni ta’ sostenn. Ladarba d-dokumenti kollha jiġu evalwati mid-DKSE u jinstabu li huma skont ir-rekwiżiti, issir żjara fuq il-post. L-għan taż-żjara ta’ qabel il-liċenzja huwa li jiġi żgurat li l-bini taċ-ċentru jabqel mar-rekwiżiti kollha kif stabbiliti fil-permess tal-PA, l-Istandards Nazzjonali u r-rapporti sottomessi mal-formola tal-applikazzjoni. Mat-tlestija taż-żjara, l-uffiċjali jinfurmaw lill-LRP jekk il-kundizzjonijiet kollha ġewx indirizzati b’mod sodisfaċenti jew jekk hemmx bżonn ta’ xi azzjoni oħra. Jekk il-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew indirizzati b’mod sodisfaċenti, issir rakkomandazzjoni biex jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ liċenzja li mbagħad jintbagħat lill-LRP fi żmien ġimgħa mid-data taż-żjara jew meta tasal il-prova li l-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew indirizzati b’mod sodisfaċenti.
Issir żjara ta’ evalwazzjoni qabel tiskadi l-liċenzja temporanja li matulha l-uffiċjali jwettqu evalwazzjoni sħiħa taċ-ċentru li twassal għall-konferma jew nuqqas ta’ konferma ta’ liċenzja.
Ikklikkja hawn biex taċċessa l-lista ta’ Faċilitajiet għall-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal ta’ Matul il-Jum li ġew liċenzjati.
Iċ-Ċentri li huma diġà liċenzjati bħala ċentri li joffru servizzi ta’ ECEC matul il-Jum, jistgħu japplikaw biex jiksbu liċenzja biex joperaw bħala ċentri ta’ ECEC ta’ billejl. Dan ifisser li ċ-ċentru jopera matul il-lejl bejn is-sigħat tal-10 ta’ filgħaxija u l-5 ta’ filgħodu. Il-Formola Applikazzjoni għal-Liċenzjar ta’ ċentru ta’ ECEC li joffri servizzi ta’ billejl tista’ timtela onlajn u tiġi sottomessa flimkien mad-Dokumentazzjoni ta’ sostenn.
Ladarba d-dokumenti kollha jiġu evalwati mid-DKSE u jinstabu li huma skont ir-rekwiżiti, issir żjara fuq il-post L-applikanti għandhom jiżguraw li t-tpinġijiet arkitettoniċi proposti jkunu aċċettabbli skont l-Istandards Nazzjonali għas-Servizzi ta’ Edukazzjoni u Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin) (2021), il-Kriterji ta’ Reġistrazzjoni għas-Servizzi tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat- Tfal fis-Snin Bikrin (0-3 snin) (2021) u l-Interpretazzjoni tad-Dokument tal-Kriterji ta’ Reġistrazzjoni.
Formola għall-irtirar ta’ liċenzja ta’ Childcare Centre