dqse.gov.mt

Reġistrazzjoni mhux formali

X’inhu t-Tagħlim Mhux Formali?
It-tagħlim mhux formali jseħħ meta wieħed jipparteċipa f’attivitajiet organizzati. Dan it-tip ta’ tagħlim huwa intenzjonat u jista’ jwassal għal ċertifikazzjoni.
 
Ġenitur

Għaliex għandek tħeġġeġ lit-tifel/tifla tiegħek biex jipparteċipaw?
Meta t-tifel/tifla tiegħek jieħdu sehem f’attività, tkun qed tiżgura li t-tifel/tifla tiegħek jiżviluppaw il-personalità tiegħu/tagħha billi:

​1. isaħħu l-għarfien tagħhom;

2. iżidu l-ħiliet tagħhom;

3. isiru jafu aktar dwarhom infushom; u

4. jaqsmu ideat ma ‘oħrajn u jagħmlu ħbieb ġodda

Kif jista’ t-tifel/tifla tiegħek jipparteċipaw f’attività minn Fornitur ta’ Servizz akkreditat?
Tista’ ssib lista ta’ Fornituri ta’ Servizzi akkreditati differenti meta tikklikkja hawn.

 
Fornitur tas-Servizz

Is-servizz li qed toffri jagħmel parti minn tagħlim mhux formali?
Iva: jekk qed torganizza attività bħal esebizzjoni teatrali, mixja avventuruża, jew tip ieħor ta’ attività.

Le: jekk qed toffri Tagħlim Privat.

Jekk iva, kif tista’ ssir fornitur ta’ servizz akkreditat? Ikklikkja hawn

Biex tara l-lista ta’ fornituri ta’ servizzi akkreditati ikklikkja hawn.

 
 
Ħarsa ġenerali lejn iċ-ċertifikazzjoni mhux formali

Id-definizzjoni ta’ edukazzjoni mhux formali:

“It-tagħlim mhux formali huwa tagħlim li ġie akkwistat lilhinn mit-tagħlim formali. F’xi każijiet, huwa strutturat wkoll skont arranġamenti edukattivi u ta’ taħriġ, iżda aktar flessibbli. Normalment dan iseħħ f’ambjenti bbażati fil-komunità, fuq il-post tax-xogħol u permezz tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Permezz tal-proċess ta’ rikonoxximent, validazzjoni u akkreditazzjoni, it-tagħlim mhux formali jista’ jwassal ukoll għal kwalifiki u rikonoxximenti oħra.”

It-tensjoni bejn l-Universali u l-Individwu, it-tradizzjoni u l-modernità, f’tul ta’ żmien jew fiż-żmien qasir huma biss ftit mir-raġunijiet għaliex qed tiġi kkunsidrata ċ-ċertifikazzjoni tat-tagħlim mhux formali bbażat fuq l-erba’ pilastri tal-UNESCO. L-għan mhuwiex li jkun hemm piż żejjed fuq il-kurrikulu, iżda li jiżdiedu aktar aspetti mal-mod kif l-istudenti jistgħu jiġu żviluppati bħala bnedmin ħolistiċi li jgħinnuhom jużaw ħiliet trasversali u jippreparawhom għall-futur.

Id-dokument tal-Qafas Tal-Kurrikulu Nazzjonali (NCF) jgħid li jekk l-edukazzjoni Maltija trid tirnexxi fl-għanijiet tagħha, il-kurrikulu, fil-qalba tiegħu għandu jiġi ristrutturat b’għanijiet ċari ta’ involviment taċ-ċittadini, impjegabbiltà u ħiliet u kompetenzi ta’ tagħlim tul il-ħajja.  Dawn il-ħiliet u l-kompetenzi kollha jistgħu jissawru madwar l-erba’ pilastri tat-tagħlim: nitgħallmu nkunu nafu, nitgħallmu nagħmlu, nitgħallmu ngħixu flimkien, u nitgħallmu nkunu.

L-“Erba’ Pilastri tal-Edukazzjoni” oriġinarjament ġew stabbiliti f’rapport għall-UNESCO mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni għas-Seklu Wieħed u Għoxrin ippresedut minn Jacques Delors (UNESCO, 1996). Dawn il-pilastri jenfasizzaw il-wisa’ u l-profondità tal-viżjoni tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni fi ħdan u lil hinn mill-iskola. Skont ir-rapport, l-edukazzjoni trid tiġi organizzata madwar erba’ tipi fundamentali ta’ tagħlim tul il-ħajja ta’ persuna.

L-Erba’ Pilastri jistgħu jinġabru kif ġej:

  • Nitgħallmu nkunu nafu: ‘Nitgħallmu nkunu nafu’ jistabbilixxi l-pedamenti tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan il-pilastru jirreferi għall-għarfien bażiku li rridu nkunu kapaċi nifhmu l-ambjent tagħna u ngħixu b’dinjità. Huwa wkoll dwar it-tqanqil tal-kurżità, li jippermettilna nesperjenzaw il-pjaċiri tar-riċerka u l-iskoperta. Qed niġu ffaċċjati bl-isfida li ngħaqqdu edukazzjoni wiesgħa biżżejjed mal-investigazzjoni fil-fond ta’ suġġetti magħżula. Li wieħed jitgħallem ikun jaf jimplika li wieħed jitgħallem kif jitgħallem billi jiżviluppa l-konċentrazzjoni, il-ħiliet tal-memorja u l-abbiltà li wieħed jaħseb.
  • Nitgħallmu nagħmlu: ‘Nitgħallmu nagħmlu’ jirreferi għall-akkwist ta’ ħiliet prattiċi, iżda wkoll għal kapaċità għal ħidma f’tim u inizjattiva, u li nkunu lesti biex jittieħdu r-riskji. Għaldaqstant, dan il-pilastru huwa dwar il-kompetenza li npoġġu dak li tgħallimna fil-prattika sabiex naġixxu b’mod kreattiv fuq l-ambjent tagħna. Varjetà ta’ sitwazzjonijiet, ħafna drabi imprevedibbli, huma mistennija li jinqalgħu. It-tagħlim biex nagħmlu jippermettilna nbiddlu l-għarfien tagħna f’innovazzjonijiet effettivi.
  • Nitgħallmu ngħixu flimkien: ‘Nitgħallmu ngħixu flimkien’ huwa l-pilastru li l-Kummissjoni tal-UNESCO tenfasizza aktar minn kwalunkwe ieħor. L-ewwel nett jirreferi għall-iżvilupp ta’ fehim ta’ ħaddieħor permezz ta’ djalogu li jwassal għal empatija, rispett u apprezzament. Madankollu jekk irridu nifhmu lill-oħrajn, l-ewwel irridu nkunu nafu lilna nfusna. ‘Nitgħallmu ngħixu flimkien’ hija wkoll dwar ir-rikonoxximent tal-interdipendenza dejjem tikber tagħna, dwar l-esperjenza ta’ skopijiet kondiviżi, u dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni u futur konġunt. B’hekk biss ikun possibbli li l-kunflitti inevitabbli jiġu ġestiti b’mod paċifiku.
  • It-tagħlim li jkun: ‘Nitgħallmu nkunu’ huwa bbażat fuq il-prinċipju fundamentali li l-edukazzjoni teħtieġ li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sħiħ ta’ kull individwu. Dan il-pilastru jittratta t-twessigħ tal-kura għal kull aspett tal-personalità. Jitratta ukoll li jagħtina l-libertà tal-ħsieb, tas-sentiment u tal-immaġinazzjoni li rridu naġixxu.

Il-kompetenzi miksuba permezz tal-Erba’ Pilastri tal-Edukazzjoni tal-UNESCO bl-użu tal-Ħiliet tas-Seklu Wieħed u Għoxrin ġew żviluppati aktar skont il-livelli tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF) bl-intenzjoni li dawn il-kompetenzi jiġu marbuta mal-istess qafas użat għall-edukazzjoni formali kif ukoll max-xenarju edukattiv Ewropew.

Jekk jogħġbok sib imwaħħal il-grid li juru l-pilastri ta’ hawn fuq imqabbla mal-livelli tal-MQF.